Oriġinarjament dan l-istazzjon infetaħ għall-ewwel darba għal xahar, jiġifieri minn Ġunju sal-Festa tal-Patrun Tagħna San Sebastjan tas-Sena 2003. Kien xahar ta` prova fejn il-proġett irnexxa u għalhekk erġajna ftaħna l-istazzjon minn Novembru ta` l-istess sena, matul il-Festi tal-Milied, sal-Festa Liturġika ta` San Sebastjan ta’ l-20 ta` Jannar 2004. Dan l-istazzjon reġa nfetaħ fiż-żmien il-Ġimgħa Mqadsa tas-sena 2004 u spiċċa t-trażmissjonijiet tiegħu biċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt fejn saru kollegament live mill-purċissjoni.

Minn dakinhar li reġa ngħalaq l-istazzjon għat-tieni darba bdew għaddejjin bosta ħsibijiet minn moħħna li nerġgħu nibdew inxandru, imma din id-darba għal żmien indefinit. Kien hemm appoġġ kbir, kemm mis-semmiegħa li xtaqu li jerġgħu jibdew it-trażmissjonijiet kif ukoll mill-membri tal-Erba` Għaqdiet tal-Festa li kienet l-idea oriġinali tagħhom li jinfetaħ dan l-istazzjon. L-Erba` Għaqdiet tal-Festa huma:

* Is-Soċjeta` Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan
* L-Għaqda tan-Nar San Sebastjan
* L-Għaqda Armar San Sebastjan
* L-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi.

Propju kien is-7 ta` Ġunju 2004 id-data mportanti li fiha reġa rritorna magħna dan l-istazzjon żgħażugħ u enerġetiku u minn dakinhar għadna ma ħarisniex lura.

Fl-okkażżjoni tal-festi tal-Milied 2004, il-Kunsill Lokali organiżża marċ bejn it-tlett baned tal-lokal u hawnhekk "Bastjaniżi FM" ħa ħsieb li jxanndar kollegamenti live waqt programm il-Ħadd filgħodu bejn l-10:00am u n-12:00pm. Kollegamenti ta dan it-tip ixxandru wkoll fl-okkażżjoni tal-Karnival 2005, is-Sibt fil-għaxija meta dan l-istess karnival ġie jferraħ lilna il-Qriema fi triq San Sebastjan. Barra minn hekk "Bastjaniżi FM" ġieli għamel kollegamenti live mis-Centinary Stadium ġewwa Ta' Qali waqt il-logħob tal-Qormi FC.

Fil-bidu tas-sena 2005 inħolqot din il-websajt informattiva u interessanti, fejn fiha wieħed jista` jsib bosta informazzjoni fuqna, ritratti tal-preżentaturi u fuq kollox link, link żgħira li permezz tagħha jistgħu jisimgħuna minn madwar id-dinja permezz ta` l-internet. Kulħadd jista` jħalli l-messaġġ tiegħu fuq din il-websajt permezz tal-ktieb tal-viżitaturi, (guestbook).

F’Jannar tal-2005 il-Kunsill Lokali tana l-opportunita` li nieħdu sehem f’seminar li pparteċipaw fih bosta membri żgħażagħ f’għaqdiet oħra li insibu ġoż-żewġ Parroċċi ta` Ħal Qormi flimkien ma’ żgħażagħ oħra barranin.

Nistgħu ngħidu li fis-sena 2005 lestejna proġett, iva proġett ta` tisbieħ li jixraq lill-istudio tagħna. Dan kollu sar volontarjament minna, id-diriġenti ta` dan l-istazzjon u xi ħbieb tagħna.

Sabiex inkomplu nżidu fil-professjonalita` tagħna, inxtraw sett ta` radio links li bihom Radju "Bastjaniżi FM" ikollu l-faċilita` li jxandar minn kull post b’mod dirett (outside broadcasting unit).

Tajjeb ngħidu li minn mindu bdejna nxandru fuq perjodu ndefinit kellna bosta kantanti mistiedna waqt programmi diversi fuq dan l-istazzjon. Uħud minnhom huma: Chiara li għamlet unur lil pajjiżna ġewwa l-Ukrajna, Aldo Busuttil, l-grupp Malti l-Wintermoods, Ira Losco, Olivia Lewis u oħrajn.

Fix-xahar ta` Mejju sewwa sew fil-ġurnata tal-25 ta` Mejju 2005, f’kelma waħda f’Jum Ħal Qormi, il-Kunsill Lokali, li minn hawn nixtiequ nirringrazzjawhom, għoġobhom jagħtuna l-premju Għarfien il-Ħila bħala apprezzament tax-xogħol li qed isir lejn il-komunita`. Din is-serata' ġiet imxandra live fuq "Bastjanizi FM".

Bħala ċelebrazzjoni ta` l-ewwel sena anniversarju ta` dan l-istazzjon, il-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi organizzaw Rally għaż-Żgħażagħ ġewwa l-bitħa tal-Każin tas-Soċjeta` Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan. Għaldaqstant aħna d-diriġenti ta` "Bastjaniżi FM" nixtiequ nirringrazzjawhom ta` din l-attivita` li organizzaw ad unur dan l-istazzjon.

Waqt il-Quddiesa li ssir Ħadd qabel il-Festa ta` San Sebastjan ġewwa l-istess bitħa tas-Soċjeta` Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, l-Onor Clyde Puli irregalalna software għal kompjuter maħdum mis-Sur Sergio D’Amico sabiex l-istazzjon tagħna jsir aktar professjonali fix-xandir tiegħu.

Waqt il-Festa ta` San Ġużepp ġewwa l-Qala Għawdex (fis-7 t’Awwissu 2004), "Bastjaniżi FM" għamel ġurnata jxandar programmi li saru fuq l-istazzjon Radju Leħen il-Qala dana minħabba l-fatt li konna tlajna delegazzjoni kbira ta` partitarji Bastjaniżi għal din il-festa għaliex il-Banda San Sebastjan daqqet waqt il-marċ ta` filgħodu ta’ din il-festa.

L-ewwel xandira li xandarna permezz tar-radio links li xtrajna ftit qabel matul is-sena 2005 kienet l-Open Day li ssir ġewwa l-Kamra tan-Nar ġimgħa qabel il-Festa ta` San Sebastjan. Wara din l-okkażjoni kellna l-opportunita' li nxandru wkoll il-Quddiesa ta` lejliet il-Milied u l-Akkademja imtellgħa mill-Kor Laudate Dominum li saret nhar it-18 ta` Jannar 2006 fl-okkażżjoni tal-20 sena Konsagrazzjoni tal-Knisja ta` San Sebastjan flimkien mal-quddies li saru fid-19 ta` Jannar 2006 (Konsagrazzjoni tal-Knisja) u l-20 ta` Jannar 2006 (Festa Liturġika ta` San Sebastjan).

"Bastjaniżi FM" jibdel l-iskeda tiegħu kull erba` xhur u jieħu sehem f’bosta attivitajiet li jsiru f’Ħal Qormi speċjalment dawk marbuta mal-Parroċċa ta` San Sebastjan.

Tajjeb ninfurmaw lilkom is-segwaċi tagħna li fil-ġimgħat li ġejjin għandu jibda l-bini ta` studio ieħor biswit dak li għandna fil-preżent sabiex iservi bhala recording studio fuq livell professjonali. Aktar informazzjoni ngħadduhielkom iktar ’il quddiem.

Dan kollu ma kienx ikun possibli mingħajr l-idea brillanti tal-Kummissjoni Erba’ Għaqdiet tal-Festa u fuq kollox mingħajr l-għajnuna u l-appoġġ tagħkom, semmiegħa u Qriema ħutna li kontu dejjem warajna.

Aħna d-diriġenti ta` "Bastjaniżi FM" nixtiequ nirringrazzjaw lil preżentaturi kollha li taw sehemhom u li għadhom jagħtu sehemhom fl-istazzjon, lil dawk kollha li jirreklamaw magħna u fuq kollox grazzi kbira tmur lil membri kollha ta` l-Erba` Għaqdiet tal-Festa taċ-ċans li tawna.

Kif semmejna iktar ’il fuq, Radju "Bastjaniżi FM" għadu qed jinvesti f’apparat ġdid biex inkomplu nagħtu servizz professjonali lis-semmiegħa tagħna. Għalhekk kull tip ta` għajnuna finanzjarja tiġi apprezzata ħafna.


* Dan l-artiklu ġie addattat minn fuq l-artiklu li deher fil-ktieb li l-Għaqda tan-Nar San Sebastjan 2004 għamlet fl-okkażżjoni tal-Festa tal-Patrun Tagħna San Sebastjan
.


 

 

© 2006 "Bastjanizi FM"
Designed & Developed by
AZcreations 792 88 487